Tħabbru d-dati u l-lokalitajiet fejn se jiġu organizzati l-korsijiet ta' Animal First Aid bla ħlas, inizjattiva li qed tittella' b'kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
Din l-inizjattiva, imnedija mis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mal-Ministru għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, għandha l-għan li twassal taħriġ prattiku direttament fil-komunitajiet u tkompli żżid l-għarfien dwar il-ħarsien u l-benesseri tal-annimali.
Il-korsijiet se jipprovdu taħriġ bażiku u prattiku dwar kif wieħed għandu jirreaġixxi f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jinvolvu annimali, fosthom każijiet ta' choking, CPR għall-annimali, kura tal-feriti u avvelenament. L-għan huwa li l-parteċipanti jingħataw il-ħiliet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-ewwel għajnuna b'mod immedjat u sigur sakemm tinkiseb assistenza veterinarja.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li din l-inizjattiva qed tressaq taħriġ prattiku u għarfien bażiku dwar l-ewwel għajnuna għall-annimali eqreb lejn il-komunitajiet, filwaqt li tħeġġeġ aktar residenti jkunu ppreparati biex jirreaġixxu f'mument ta' emerġenza.
“26 Kunsill Lokali wrew l-interess tagħhom li jkunu parti minn din l-inizjattiva, u dan juri kemm hu importanti li nkomplu noħolqu opportunitajiet ta' tagħlim li jkunu aċċessibbli u qrib ir-residenti. Il-ħarsien tal-annimali jibda mill-għarfien, mir-responsabbiltà u mill-preparazzjoni, u permezz ta' din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u d-Direttorat tal-Animal Welfare qed inwasslu dan l-għarfien aktar qrib il-komunitajiet tagħna," qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li permezz ta' dawn il-korsijiet, il-Gvern qed ikompli jinvesti mhux biss fil-ħarsien tal-annimali, iżda wkoll fl-edukazzjoni u l-għarfien fil-komunitajiet.
“Meta annimal ikun f'sitwazzjoni ta' emerġenza, l-ewwel minuti jistgħu jkunu kruċjali. Permezz ta' dawn il-korsijiet irridu nagħtu lin-nies għarfien prattiku li jista' jgħinhom jaġixxu b'mod sigur u responsabbli sakemm tingħata l-għajnuna veterinarja meħtieġa. Aktar ma nkomplu nedukaw u nagħtu l-għodod meħtieġa lin-nies, aktar inkunu qed insaħħu kultura ta' responsabbiltà, kura u rispett lejn l-annimali," qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Il-korsijiet se jsiru skont din l-iskeda:
| Kunsill | Lokalitajiet | Data | Ħin |
| Il-Qala | Il-Qala, Ix-Xagħra, L-Għarb | 16 ta' Ottubru 2026 | 3:00pm – 7:00pm |
| Bormla | Ħal Tarxien, Bormla, Il-Birgu | 17 ta' Ottubru 2026 | 8:00am – 12:00pm |
| Il-Furjana | L-Imsida, Santa Venera, Tal-Pietà, Il-Ħamrun, Il-Furjana | 24 ta' Ottubru 2026 | 8:00am – 12:00pm |
| Il-Fgura | Il-Fgura, Paola, Santa Luċija | 31 ta' Ottubru 2026 | 8:00am – 12:00pm |
| Ir-Rabat | Ir-Rabat, Ħ'Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħad-Dingli | 7 ta' Novembru 2026 | 8:00am – 12:00pm |
| Pembroke | Is-Swieqi, San Ġiljan, Pembroke | 12 ta' Novembru 2026 | 1:00pm – 5:00pm |
| Marsaskala | Il-Qrendi, Marsaskala, Marsaxlokk | 21 ta' Novembru 2026 | 8:00am – 12:00pm |
| Mellieħa | Mellieħa | 28 ta' Novembru 2026 | 10:30am – 2:30pm |
It-taħriġ se jingħata minn edukaturi kwalifikati u magħżula mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, filwaqt li l-inizjattiva qed titmexxa b'kollaborazzjoni mad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali parteċipanti.
Permezz ta' din l-inizjattiva, qed ikompli jissaħħaħ l-impenn biex aktar persuni fil-komunitajiet ikollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jipproteġu l-benesseri tal-annimali u jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod xieraq f'każ ta' emerġenza.
Ritratti: MLGP-MEER_PS/DOI